Skip to main content

Dan is-sit elettroniku  jippermettilek li ssib informazzjoni uffiċjali u aġġornata dwar mediċini għall-użu fl-annimali li huma awtorizzati fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea (UE) u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u ssir taf f’liema pajjiżi hija disponibbli mediċina veterinarja speċifika.

Dan jinkludi informazzjoni dwar:

  • mediċini veterinarji awtorizzati;
  • mediċini veterinarji omeopatiċi rreġistrati;
  • mediċini veterinarji li jittieħdu minn pajjiż tal-UE / taż-ŻEE għal ieħor minn distributuri bl-ingrossa.

Tista’ wkoll tqabbel il-mediċini faċilment bl-użu tal-għodda ta’ tqabbil tal-mediċini tas-sit elettroniku disponibbli permezz tal-funzjoni tat-tiftix.

Minn fejn ġejja d-data dwar il-mediċina

L-informazzjoni li tara fuq dan is-sit elettroniku tiġi direttament mill-“Bażi tad-Data tal-Prodotti tal-Unjoni”, il-bażi tad-data tal-UE għall-ġbir u l-ħżin ta’ informazzjoni dwar prodotti mediċinali veterinarji awtorizzati fl-UE / fiż-ŻEE.

L-informazzjoni dwar kull mediċina tiġi sottomessa fil-bażi tad-data mill-awtorità regolatorja tal-mediċini li tkun awtorizzat l-użu tagħha. Din l-awtorità hija responsabbli biex tiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni.

L-awtorità responsabbli tista’ tkun jew:

  • ir-regolatur għall-mediċini veterinarji fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż taż-ŻEE (l-awtorità nazzjonali kompetenti), jekk il-mediċina tkun awtorizzata fuq livell nazzjonali għall-użu f’pajjiż wieħed jew aktar;
  • l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), jekk il-mediċina tkun awtorizzata ċentralment għall-użu fl-UE / fiż-ŻEE kollha.

Tista’ ssir taf min hija l-awtorità responsabbli minn kull mediċina fil-paġna tal-mediċina taħt “Dettalji tal-awtorizzazzjoni”.

Is-sit elettroniku jiġi aġġornat awtomatikament hekk kif informazzjoni ġdida jew aġġornata tkun disponibbli fil-bażi tad-data. Tista’ tittraċċa l-aġġornamenti għal dan is-sit web fuq il-paġna tagħna “X’hemm ġdid”.

L-EMA żżomm dan is-sit web f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji tal-mediċini tal-UE / taż-ŻEE, u mal-Kummissjoni Ewropea.

Aktar informazzjoni:

Politika tal-lingwa

Dan is-sit elettroniku huwa disponibbli bl-ilsna uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea (UE), kif ukoll bl-Iżlandiż u bin-Norveġiż.

Tista’ tagħżel il-lingwa ppreferuta tiegħek fuq in-naħa ta’ fuq tal-lemin ta’ kull paġna fuq is-sit web.

Kif tfittex il-mediċini

Tista’ tfittex il-mediċini fuq dan is-sit web billi tuża l-ilsien  ippreferut tiegħek.

Dan jinkludi t-tiftix għal mediċini li mhumiex awtorizzati f’pajjiż li juża l-ilsien ippreferut tiegħek. Madankollu, l-isem tal-mediċina u xi informazzjoni oħra murija fil-lista ta’ riżultati tat-tiftix jistgħu jidhru b’ilsna oħra, skont il-pajjiż li jkun awtorizzaha.

Informazzjoni dwar il-mediċini

Tista’ ssib fatti ewlenin dwar il-mediċini kollha fuq dan is-sit web nl-ilsien ippreferut tiegħek. Dan jinkludi, pereżempju, l-ispeċi fil-mira, ir-rotta tal-amministrazzjoni u l-forma farmaċewtika.

Informazzjoni oħra tista’ tkun disponibbli biss b’ ilsien ieħor . Din tista’ tkun l-Ingliż jew l-ilsien/ilsna  tal-pajjiż li awtorizza l-mediċina. 

Dan jinkludi, pereżempju, xi informazzjoni li tidher fuq il-paġna tal-mediċina, u d-dokumenti tal-fuljett ta’ tagħrif u tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott.

Protezzjoni tad-data

Biex dan is-sit elettroniku jaħdem tajjeb għalik, aħna npoġġu fajls tad-data żgħar imsejħa cookies fuq l-apparat tiegħek. Tista’ tiddeċiedi jekk tiġix ittraċċat jew le b’dawn il-cookies. Tista’ tħassar il-cookies fi kwalunkwe ħin. Għal aktar informazzjoni, ara:

Id-data u d-dokumenti dwar il-mediċina ppubblikati fuq dan is-sit web jiġu pproċessati u pprovduti minn:

  • l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u d-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal mediċini awtorizzati permezz ta’ proċeduri nazzjonali, f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (ir-Regolament (UE) 2016/679).
  • il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għal mediċini awtorizzati ċentralment, f’konformità mar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE (EU DPR) (ir-Regolament (UE) 2018/1725).

Informazzjoni dwar kif l-EMA tipproċessa d-data personali hija disponibbli fuq is-sit web tal-EMA:

Għal mistoqsijiet dwar il-protezzjoni tad-data, ikkuntattja dataprotection@ema.europa.eu.

Kuntatt

Għal mistoqsijiet dwar mediċina speċifika, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq jew lill-awtorità responsabbli. Tista’ ssir taf min huma fuq il-paġna tal-mediċina taħt “Dettalji tal-awtorizzazzjoni”.

Għal appoġġ tekniku b’dan is-sit web, jekk jogħġbok uża l-portal tal-EMA Service Desk.

Glossarju

Għad-definizzjonijiet tat-termini regolatorji ewlenin użati fuq dan is-sit elettroniku, jekk jogħġbok iċċekkja l-glossarju tat-termini regolatorji tal-EMA. Il-glossarju huwa disponibbli bl-Ingliż biss:

Qafas legali

Il-bażi tad-data li fuqha huwa bbażat dan is-sit web, magħrufa bħala l-“Bażi tad-Data tal-Prodotti tal-Unjoni”, isservi biex timplimenta l-liġi farmaċewtika tal-UE fir-Regolament dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji (ir-Regolament (UE) 2019/6). Fost l-objettivi tar-Regolament hemm li:

  • tiżdied it-trasparenza dwar il-prodotti mediċinali veterinarji awtorizzati għall-użu fl-UE / fiż-ŻEE;
  • tkun appoġġata l-armonizzazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodott mediċinali veterinarju;
  • tkun ipprovduta għodda affidabbli għall-prattikanti veterinarji biex jikkunsidraw u jqabblu l-għażliet ta’ trattament disponibbli.

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi taż-ŻEE, il-Kummissjoni Ewropea u l-EMA nedew dan is-sit elettroniku  fit-28 ta’ Jannar 2022. L-EMA żżomm dan is-sit elettroniku f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u mal-pajjiżi taż-ŻEE, u mal-Kummissjoni Ewropea.

How useful was this page?:
Average: 5 (16 votes)
"Please do not include any personal data, such as your name or contact details. If you do, you consent to the processing of that data in accordance with EMA’s Privacy Statement concerning requests for information or access to documents. If you would like a reply from EMA, please Send a question to EMA instead."